Wednesday, April 1, 2009

Il-ħarsien tal-annimali

Kif il-bniedem iġib ruħu ma' kelb jew qattus hija riflessjoni tas-soċjetà li ngħixu fiha. Kif persuna tħares lejn annimal, kif persuna tittratta annimal, huwa mera ċara tar-ruħ ta' dak il-persuna.

Din il-ġimgħa għadna kemm rajna episodju ieħor li spiċċa fil-media tagħna, episodju li juri biċ-ċar il-mod li ċerti persuni jħossuhom komdi jittrattaw klieb b’mod tal-mistħija. Jien dan l-aġir iqabbadni rabja kbira. Ma nistax nifhem kif hawn nies kapaċi jagħmlu hekk lil annimal daqshekk fidil u leali bħall-kelb. Però sfortunatament dawn in-nies jeżistu.La jeżistu rridu naraw li s-sistema legali tagħna tkun waħda li verament tikkastiga lil dawn in-nies u li verament isservi ta’ deterrent ħalli dawn l-affarijiet ma jsirux aktar. Il-politiċi, il-pulizija u l-qrati għandhom ilkoll ikunu katina waħda sabiex verament nipproteġu annimali li jisfaw vittmi ta' nies bla kuxjenza.

L-Ewropa wkoll għanda x’titgħallem f’dan il-qasam. L-Unjoni Ewropea għandha liġijiet li jipproteġu lill-annimali, imma dawn ġeneralment huma indirizzati lejn annimali tal-irziezet jew annimali li huma wirt komuni Ewropew bħall-għasafar tal-passa. F’dawn l-aħħar għaxar snin kemm ili involut fil-qasam Ewropew kienu ħafna li staqsewni, u bir-raġun, għaliex l-Unjoni Ewropea ma titkellimx fuq il-mod krudili li jinqatel it-toru fi Spanja? Għaliex qatt ma tkellmet fuq il-mod li jitqatta' biċċiet il-volpi meta jkun ikkaċċjat bil-klieb fil-kampanja Ingliża? Ir-raġuni għal dan hija li kull pajjiż għandu l-liġijiet tiegħu però naħseb li wasal iż-żmien li nibdew naħsbu ftit f’qafas ta' liġijiet komuni.Fil-Parlament Ewropew jeżisti digà grupp ta' membri parlamentari minn partiti politiċi differenti li qegħdin jaħdmu għal dan il-għan. Il-European Parliament Intergroup on the Welfare and Conservation of Animals ilu mwaqqaf sa mill-1983. Minħabba n-numru limitat tad-Deputati Maltin fil-Parlament Ewropew, sal-aħħar laqgħa f’Novembru tas-sena l-oħra, ma kien attenda l-ebda Malti f’dan il-grupp. Jien tkun prijorità għalija li nagħti kontribut f’dan il-grupp għax sinċerament nemmen li l-issue tad-drittijiet tal-annimali għandha tingħata ferm aktar importanza.

F’dan il-qasam għad hemm ħafna x’irid isir. L-ewrogrupp għall-annimali huwa l-vuċi għall-għaqdiet li jaħdmu fil-qasam tad-drittijiet tal-annimali. Fil-proposti tagħhom għall-partiti li qegħdin jikkontestaw għall-Parlament Ewropew, dawn qegħdin jagħmlu ħames proposti. Li l-annimali fl-irziezet ikunu miżmuma aħjar, li jonqsu l-esperimenti fuq l-annimali, li tiżdied il-protezzjoni tal-annimali domestiċi u l-pets, li jiġu kkonservati u rrispettati l-fawna u l-flora u li jiġu infurzati l-liġijiet li jeżistu. Dawn il-ħames proposti huma lkoll validi u importanti. Illum il-ġurnata żdied it-traffikar tal-annimali u minkejja li hemm trattati li jħarsu dan, xorta waħda qed issir moħqrija lill-annimali minħabba dan il-kummerċ. Il-mod li qegħdin jiġu mrobbija l-ġriewi tal-klieb għall-bejgħ ukoll għandu jiġi mħares. Irridu naraw li jkun hemm sostenn qawwi ħalli aktar annimali jiġu msewwija. Il-lista ma tispicca qatt!

Irrid nagħlaq billli nfaħħar lil dawk kollha li jagħmlu ħidma voluntarja fl-għaqdiet non-governattivi li jaħdmu fil-qasam tal-ħarsien tal-annimali. Ilkoll kemm aħna għandna obbligu lejn dawn in-nies. Dawn ilhom jaħdmu snin twal sabiex f’pajjiżna l-annimali jiġu trattati aħjar. Wasal iż-żmien li dawn in-nies jiġu megħjuna ħalli l-annimali f’pajjiżna jiġu verament imħarsa kif jixirqilhom. Bdejt dan l-artiklu billi għedt li l-mod kif inħarsu l-annimali tagħna huwa riflessjoni tas-soċjetà. Ejjew inkunu kburin b'dak li naraw f’din ir-riflessjoni.


Edward Demicoli...biex inkompli nservik fl-Ewropa
www.edwarddemicoli.eu

No comments:

Post a Comment